Malta tinsab viċin li toħroġ mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv sentejn qabel l-iskeda stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, riżultat ta' tmexxija fiskali responsabbli u miżuri mmirati li jtejbu l-bilanċ tal-finanzi pubbliċi b'mod aktar mgħaġġel milli kien mistenni.
Skont id-dejta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-defiċit nazzjonali għas-sena 2024 kien ta' 3.7% tal-Prodott Gross Domestiku — titjib ta' 0.8 punti perċentwali fuq it-tbassir baġitarju ta' 4.5%. Fl-istess perjodu, ir-rata tad-dejn nazzjonali naqset għal 47.4% tal-Prodott Gross Domestiku, meta mqabbla mal-previżjoni ta' 55.3%. Fejn jidħol id-dejn nazzjonali, ir-rata ta' Malta, l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, tinsab 30.1% inqas mir-rata tal-medja Ewropea.
Fid-dawl tax-xejriet pożittivi reġistrati matul l-ewwel xhur ta' din is-sena, it-tbassir tad-defiċit għall-2025 issa qed jiġi rivedut minn 3.5% għal 3.3%. Dawn ir-riżultati u t-tbassir juru t-triq lejn l-istabbiltà u l-irkupru finanzjarju b'saħħtu.
Dan it-titjib ġie f'kuntest fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f'Lulju tal- 2024, adotta d-deċiżjoni li jdaħħal lil Malta – fost sitt pajjiżi oħra – taħt il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Dan wara li d-defiċit ta' Malta laħaq 4.9% fl-2023. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li d-defiċit ta' Malta fl-2023 ma kienx eċċezzjonali, li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn reċessjoni ekonomika severa. Primarjament id-defiċit kien riżultat ta' miżuri mmirati biex isostnu u jwieżnu lil poplu Malti waqt sfidi globali. Fost l-aktar miżuri importanti li wettaq il-Gvern Laburista huma l- wage supplement, li b'din il-miżura l-ħaddiema Maltin u Għawdxin setgħu jibqgħu fl-impjieg tagħhom, kif ukoll il-miżura tas-sussidju tal-enerġija li biha l-Gvern seta' jrażżan l-inflazzjoni tal-pajjiż.
L-għan tal-proċedura huwa li l-pajjiżi jerġgħu jikkonformaw mal-limiti fiskali tal-Unjoni Ewropea: defiċit taħt it-3% u dejn pubbliku taħt is-60% tal-Prodott Gross Domestiku.
Blgħaqal tal-Gvern Laburista, iżda, pajjiżna qiegħed f'sitwazzjoni aħjar minn dak mitlub mill-Kumissjoni Ewropea skond il-pjan biex Malta ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv b'mod gradwali sas-sena 2027. Dan jirrikjedi li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq nett ma taqbiżx is- 6.0% fl-2025 u 5.8% fis-snin ta' wara. Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ukoll li Malta trid tissottometti pjan ta' korrezzjoni sal-aħħar ta' April 2025.
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li "l-istrateġija ekonomika tal- Gvern kienet effettiva u wriet li nistgħu nnaqqsu d-defiċit mingħajr ma nikkumpromettu t-tkabbir ekonomiku jew il-ġid soċjali." Il-miżuri mmirati u l-governanza soda wasslu biex mhux biss intlaħqu l-miri fiskali, imma saħansitra ġew superati. Dan huwa pass importanti lejn ekonomija aktar b'saħħitha u sostenibbli għall-futur ta' Malta.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li l-Gvern seta' evita li jidħol taħt dan il-proċess billi ppreveda aħjar l-effetti tal-infiq fuq il-pandemija. Dan ifisser li l-Gvern Laburista ma setax ikun ta' sostenn għal poplu Malti u Għawdxi waqt kriżi internazzjonali. Minn naħa l-oħra, il-Gvern Laburista huwa determinat li jkompli jkun ta' spalla u sostenn mal-poplu kollu. Il-kredenzjali ekonomiċi tal-Gvern jagħtu serħann il-moħħ fuq il-kontroll tal-qagħda fiskali tal-pajjiż. F'dan il-mument kritiku, il-Gvern Laburista rnexxilu jkun ta' mudell ta' kif pajjiż żgħir jista' jlaħħaq mal-isfidi Ewropej, ikun konformi mar-regoli tal- Unjoni Ewropea (Maastricht Treaty) u fl-istess ħin iżomm politika soċjali u ekonomika responsabbli u sostenibbli.