Il-Gvern Laburista qed ikompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Permezz ta' abbozz ta' liġi ġdid li qed jiġi dibattut fil-Parlament, il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol ser tiġi rikonoxxuta wkoll fil-liġi Maltija.
Din hi miżura oħra tal-manifest elettorali 'Malta Flimkien' mwiegħda mill-Partit Laburista li saret parti mill-programm tal-Gvern (Proposta nru.194). Mhux bil-kliem, imma bil-fatti.

Id-dritt għal ambjent tax-xogħol sigur
Permezz ta' dan l-abbozz, kull ħaddiem ser ikollu d-dritt li jaħdem f'ambjent ta' xogħol ħieles mill-vjolenza u l-fastidju, inkluż vjolenza u fastidju bbażata fuq il-ġeneru tal-persuna. L-ebda ħaddiem m'għandu jkollu jibża' meta jmur jaħdem.
Il-liġi tiddefinixxi l-vjolenza u l-fastidju bħala kwalunkwe imġiba, prattiċi u ommissjonijiet inaċċettabbli jew theddid li jimmirraw jew jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika. Dawn l-azzjonijiet ser ikunu pprojbiti kemm jekk iseħħu darba jew repetutament, u kemm jekk ikunu fiżiċi, remote, online, verbalment, bil-miktub, bi stampi jew kwalunkwe mod ieħor.
Min hu protett?
Aspett importanti ta' din il-liġi huwa li l-protezzjoni tkopri firxa wiesgħa ta' ħaddiema:
- Impjegati fuq kwalunkwe post tax-xogħol
- Interns, trainees u apprendisti, irrelevanti jekk xogħolhom huwiex regolat b'kuntratt jew jekk il-persuna hix titħallas
- Persuni li l-impjieg tagħhom ġie terminat
- Voluntiera li jipprovdu servizzi permezz ta' organizzazzjonijiet volontarji
- Impjegati prospettivi, inkluż min qed ifittex impjieg jew kandidati għal impjieg
Din il-protezzjoni wiesgħa turi li l-Gvern Laburista mhux biss qed iħares lill-ħaddiema li diġà huma fl-impjieg, imma lil kull min b'xi mod hu involut fid-dinja tax-xogħol.
X'jikkwalifika bħala ambjent tax-xogħol?
Il-liġi tagħti definizzjoni wiesa' ta' x'jitqies bħala ambjent tax-xogħol:
- Kwalunkwe post tax-xogħol, inkluż fejn l-impjegat jistrieħ, jiekol, jew jagħmel użu mill-faċilitajiet
- Kwalunkwe vjaġġ, taħriġ, avveniment jew attività soċjali relatata max-xogħol
- Kwalunkwe komunikazzjoni relatata max-xogħol, inkluż dik diġitali
- Kwalunkwe akkomodazzjoni provduta mill-prinċipal
- Kwalunkwe vjaġġ lejn u mix-xogħol
Dan ifisser li l-protezzjoni ma tieqafx mal-bieb tal-uffiċċju. Tkopri wkoll il-vjaġġ lejn ix-xogħol, l-attivitajiet tax-xogħol li jsiru barra mill-post, u anke l-komunikazzjoni online u diġitali.
Pieni serji għal min jikser il-liġi
Sabiex il-liġi jkollha s-saħħa li tħares tassew lill-ħaddiema, il-pieni huma serji:
- Priġunerija ta' bejn 6 xhur u sentejn
- Multa ta' bejn €5,000 u €10,000
- Multa u priġunerija flimkien
Il-każ jista' jitressaq ukoll quddiem it-Tribunal Industrijali, fejn jista' jiġi ordnat il-kanċellament tal-kuntratt ta' servizz u jitħallas kumpens għat-telf u d-danni li sofriet il-vittma.
Gvern li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema
Dan l-abbozz ta' liġi mhuwiex biss konformità ma' konvenzjoni internazzjonali. Huwa dikjarazzjoni ċara li f'Malta, taħt Gvern Laburista, kull ħaddiem għandu d-dritt li jaħdem b'dinjità u mingħajr biża'. Hija l-istess viżjoni li dejjem mexxiet lill-Gvern Laburista: li l-ħaddiem jiġi l-ewwel.
Inkomplu nibnu fuq il-ħidma li saret f'dawn l-aħħar snin biex insaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u noħolqu ambjent fejn kull persuna tħossha sigura u rispettata fuq il-post tax-xogħol tagħha.
Kellimni
Bħala Membru Parlamentari, jiena ninsab impenjata li nisma' l-esperjenza u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Jekk għandek esperjenzi jew suġġerimenti dwar dan is-suġġett, jew trid tkun taf aktar, kellimni direttament jew irreġistra biex tibqa' aġġornat/a.
Segwina fuq Facebook biex tibqa' aġġornat/a bl-aħħar aħbarijiet u inizjattivi.